Manifest

Il-Viżjoni Tagħna | Our Vision

Kapitlu Ġdid , Stil Ġdid

– Ninsabu konvinti li wasal iż-żmien li lkoll flimkien niktbu kapitlu ġdid fl-istorja.

– Diversi residenti jgħidulek li l-Iklin qisu ‘wasal f’punt u waqaf hemm’.

– L-Iklin għandu bżonn kunsilliera kif wkoll residenti parteċipi fil-kunsill b’ideat ġodda u attitudni ġdida biex jittrasformaw lill-Iklin b’mod li jkun jista’ jsir eżempju ħaj ta’ żona residenzjali moderna u innovattiva.

– Mhemmx kuluri politiċi. Il-prijoritajiet f’posthom. L-ewwel inti resident, it-tieni għandek fehma politika.

– M’għandekx għalfejn tkun taf lil xi kunsillier partikolari b’mod personali biex tieħu dak li hu dritt tiegħek.

– Hemm differenza bejn kunsill li jagħmel ħafna pjaċiri żgħar u personali, u wieħed b’viżjoni.

– B’attitudni iktar innovattiva u aġġornata maż-żminijiet aħna nwiegħdu li nagħtu dik l-ispinta neċessarja li għandu bżonn il-kunsill biex jaġġorna ruħu maż-żminijiet u jsir fost l-aqwa kunsilli li qatt kellna.

Kunsill Magħqud

– Is-suċċess ta’ kunsill jiddependi ħafna mill-istil maniġerjali ta’ dak li jkun qed imexxi.

– Huwa kruċjali li kunsill jibda b’armonija interjuri u mhux b’kunflitti interni. Il-punt tat-tluq irid ikun wieħed ta’ rieda tajba bejn il-ħames kunsilliera anki jekk ġejjin minn partiti politiċi differenti.

– Aħna nafu fiċ-ċert li hawn kunsilli lokali fejn hemm sens ta’ għaqda u fejn anki membri ta’ partiti fil-minoranza jħossuhom parteċipi fil-ħidma tal-kunsill.

– Il-fatti li jikkonfermaw il-firdiet attwali huma evidenti u ma jistgħux jissolvew faċilment.

– Jekk ningħataw il-fiduċja, l-istil tat-tmexxija tagħna se jkun wieħed li jinkorpora l-ħames talenti tal-kunsill u joħroġ l-aħjar minn kull kunsillier permezz tal-kelma ‘empowerment’ anki jekk il-kunsill ikun magħmul minn kunsilliera ta’ fehma politika differenti.

– Nemmnu li spiċċa ż-żmien tal-estermitajiet politiċi u li wasal iż-żmien li n-nies jagħżlu l-aħjar tim skont iċ-ċirkustanzi u s-sinjali taż-żminijiet.

Freskezza fil-Ħsieb

– Fl-aħħar laqgħa annwali tal-lokalità, li attendew għaliha madwar 6 residenti apparti Tim Iklin, il-mexxej centrali tal-kunsill attwali kkummenta li dan huwa sinjal li kollox huwa tajjeb fl-Iklin.

– Perspettivi ta’ dan it-tip ma jawgurawx tajjeb għal futur tal-lokalita.

– Avolja dan l-għagir nistgħu nifhmuh u nattribwuh għal għeja amministrattiva li sseħħ meta tim maniġerjali jkun ilu snin twal fit-tmexxija, ma jistax jiġi ġġustifikat.

– Anki fl-istudji xjentifiċi tal-immaniġjar issib li ħafna riċerka turi li meta kumpanija titmexxa bl-istess stil, bl-istess perspettiva, bl-istess ideat għal perjodu daqshekk twil ta’ żmien, hemm riskju li l-kumpanija tistaġna.

– L-istess kostituzzjoni Amerikana ma tippermettix li President Amerikan idum fil-kariga ta’ President għal iktar minn għaxar snin.

– Dawn huma sinjali raġunati u argumenti sensibbli li nemmnu li fl-2015 japplikaw għall-kuntest ta l-Iklin ukoll.

Kunsill Diġitali

– Il-mezzi diġitali inkluż ‘facebook’ se jkunu strument ċentrali ta’ komunikazzjoni mar-residenti.

– Nikkommettu li niżviluppaw websajt ġdid fjamant, komunikattiv u faċli biex jintuża.

– Garanzija li l-paġna tal-facebook uffiċjali għall-kunsill lokali, tiġi aġġornata regolarment.

– Korsijiet dwar l-użu tal-email biex ir-residenti jsiru aktar midħla tad-dinja diġitali.

– Kunsill b’użu minimu ta’ karti, permezz ta’ użu massimu ta’ servizzi diġitali.

– Wifi b’xejn. Bejn 6-10 siti identifikati inkluz f’inħawi kummerċjali, bandli u ġonna pubbliċi.

– Nikkommettu li jkollna relazzjonijiet pubbliċi professjonali u komunikazzjonijiet tal-kunsill b’mod uffiċjali. Mhux permezz ta’ paġna privata amministrata minn kunsillier individwali.

– Konsultazzjoni mal-privat biex l-Iklin ikun fost l-ewwel lokalitajiet li jiġu provduti bis-servizz ta wireless internet bħala raħal sħiħ.

– Appoġġ ta’ online connectivity għal infrastrutturi li jipprovdu soluzzjonijiet wireless b’bandwidth suffiċjenti għal nies li jaħdmu mid-dar u jinħtieġu trasferiment ta’ data aktar min-normal.

– Fora diġitali għal dibattiti b’temi partikolari u konsultazzjoni mal-pubbliku inkluz ‘votazzjoni online’ bħala mudell ta’ demokrazija diretta.

Ċittadinanza Attiva

– Ġejna ispirati mill-istil ta’ tmexxija tal-ewwel kunsill immexxi mill-ewwel Sindku tal-Iklin, is-Sur Joseph Buttigieg, bejn l-1994 u l-1996.

– Is-Sur Buttigieg kien elett bħala kandidat indipendenti flimkien ma’ Joseph Cremona f’isem l-Għaqda Residenti Iklin, li kienet ilha topera volontarjament għal numru ta’ snin qabel ma twaqqfu l-kunsilli.

– Ir-residenti għadhom jirreferu għal dak il-kunsill bħala wieħed mill-aqwa li qatt kien hawn fl-Iklin. Waħda mill-inizjattivi tal-għaqda kienet proprju r-rikonoxximent tas-sehem attiv tar-residenti fil-lokalità permezz tal-‘Premju Iklin’.

– Se naħdmu bis-sħiħ biex nerġgħu niżviluppaw sens ta’ kburija u ċittadinanza fil-lokalità permezz ta’ premjijiet ta’ rikonoxximent u apprezzament għall-ħidma taċ-ċittadini.

– Se niftħu l-bibien tal-kunsill biex nilħqu livelli ta’ involviment tar-residenti f’livelli bla preċedent.

– Nixtiequ naraw kunsill fejn ir-residenti jsiru l-protagonisti fil-qalba tal-kunsill.

– Nikkommettu ruħna li mill-inqas darba kull sentejn issir attitività uffiċjali fejn jingħata rikonoxximent mill-kunsill għall-ħidma ċivika.

– Nikkommettu ruħna li nistabbilixxu premjijiet ta’ rikonoxximent annwali jew biennali għal ċittadinanza attiva. Fost oħrajn ikolna premju għall-‘Front Garden tas-Sena’, premju għall-aktar resident anzjan fl-Iklin, premju għall-iktar żagħżugħ jew grupp ta’ żgħażagħ li eċċellaw, kif ukoll premju ghall-isbaħ binja fil-lokal.

– Permezz tal-mezzi diġitali u fil-parametri tal-protezzjoni tad-data, jiġu rikonoxxuti residenti tal-Iklin li taw sehem fis-soċjetà anki lil hinn mill-parametri tal-lokalità.

– Fi ħdan l-ambizzjoni li nsaħħu l-identità tal-lokalità tal-Iklin, nemmnu li għandna nirrikonoxxu s-suċċess fil-ħajja ta’ residenti fuq livell nazzjonali jew internazzjonali. Fl-Iklin għandna diversi residenti li rnexxew fil-ħajja privata tagħhom anki jekk mhux b’mod relatat direttament ma l-Iklin.

– Fl-aħħar iżda mhux l-inqas isir ukoll għarfien xieraq lill-impjegati tal-kunsill lokali li kuljum jagħmlu xogħolhom tajjeb u b’attitudni ta’ eċċellenza.

Rispett lejn l-Intelett tar-Resident

– Tisma r-residenti jgħidulek li jindunaw li ġejja elezzjoni għax jibdew isiru xi xogħlijiet.

– Nemmnu li spiċċa ż-żmien għal dan l-istil ammnistrattiv.

– Fl-Iklin hemm bżonn viżjoni u pjan fit-tul b’xogħlijiet iktar konsistenti matul il-leġiżlatura kollha kemm hi.

– Il-verdett għandu jsir fuq il-prestazzjoni ta’ kunsill matul il-leġiżlatura kollha u mhux skont l-aħħar xogħolijiet ta’ qabel elezzjoni.

Fondi Ewropej

– Ma nistgħux insiru kunsill ta’ success jekk naħdmu biss bil-fondi bażiċi provduti mill-gvern ċentrali.

– Bħala Kunsill Lokali napplikaw għal proġetti varji tal-Unjoni Ewropea ħalli permezz tal-fondi nkunu nistgħu nagħmlu proġetti ambjentali, edukattivi u infrastrutturali fil-lokal għall-benefiċċju tar-residenti.

– Niksbu l-fondi Ewropej permezz ta’ l-għajnuna ġejja mill-esperti tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

– Ikollna kunsillier iffukat speċifikament fuq dan l-aspett kruċjali.

– Biex inwettqu l-bidla rridu naħsbu lil hinn mill-fruntieri lokali u nintegraw id-dimensjoni Ewropea.

– Se nħarsu l-quddiem, m’aħniex se neħlu f’mentalita ta’ frustazzjoni dwar id-diversi opportunitajiet ta’ fondi li ġew mitlufa tul dawn l-aħħar ħdax il-sena taħt amminstrazzjoni b’maġġoranza f’isem il-PN.

– Se nisfruttaw il-benefiċċji kollha li jiġu mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Kunsill Pożittiv, Kostruttiv

– Kunsill li jibni fuq it-tajjeb li diġà nbeda.

– Fost ħidmiet oħrajn aħna nirrikonoxxu li sar tisbiħ f’xi nħawi, kienu rranġati diversi toroq u bankini, tjiebu s-servizzi, saru diversi ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi rurali taż-żona, ġiet organizzata l-‘Festa Fjuri’, saru korsijiet diversi, tabelli, linji tat-traffiku, ġbir ta’ ħġieġ fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar eċċ.

– Avolja ħafna minn dawn il-ħidmiet msemmija jaqgħu fil-kategorija ta’ xogħolijiet bażiċi ta’ kunsill, aħna nirrikonoxxuhom b’mod pożittiv mingħajr ebda diffikulta’.

– Aħna napprezzaw ukoll l-għaqal tal-kunsilli preċedenti, inkluż l-ewwel wieħed immexxi minn l-ewwel Sindku Joseph Buttigieg f’isem ‘l-Għaqda Residenti Iklin’ li kien pijunier fil-ħidma ċivika minn qabel ma bdew il-kunsilli fl-1993.

– Nafu wkoll li baqa’ ħafna xogħol xi jsir u li diversi opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea ġew mitlufa tul dawn l-aħħar ħdax il-sena ta’ sħubija.

– Filwaqt li niggarantixxu l-kontinwita’ u nibnu fuq it-tajjeb li diġa nbeda TimIklin lest biex iwettaq ħidma bla preċedent b’mod speċjali f’dawk is-setturi li ma ġewx sfruttati f’dawn l-aħħar dsatax il-sena taħt ir-responsabilita’ tal-istess amministrazzjoni b’maġġoranza f’isem il-PN.

– Dan bi ħsiebna nagħmluh b’mod speċjali fil-qasam tal-fondi Ewropej għax nemmnu li huwa aspett kruċjalli li jiddetermina s-suċċess ta’ kunsill. Ma nistgħux nsiru kunsill ta’ success jekk naħdmu biss bil-fondi bażiċi provduti mill-gvern ċentrali.

Tisħiħ ta‘ L-Identita’

Il-lokalita tagħna bdiet tinħoloq u tinbena fit-tmeninijiet b’total attwali ta’ madwar 50 sena ta’ storja.  Nistgħu ngħidu li l-lokalita hija żagħżugħa fl-istorja tagħha stess.  Il-verita hi li diffiċli tikkompeti ma rħula li ilhom stabbiliti mijiet ta’ snin. L-amministrazzjoni attwali temmen li l-identità ta’ l-Iklin qiegħda f’postha kif inhi u ma hemm xejn x’jinbidel; aħna nemmnu mod ieħor.

Diversi residenti bħalna wkoll jemmnu mod ieħor u stqarru: “naf li noqgħod l-Iklin imma ma nħossnix li jiena minn l-Iklin”. Spiss jiġri li meta xi żagħżagħ jgħidu lil sħabhom li huma minn l-Iklin – minn wiċċhom ikunu jidhru li jew ma fehmux fejn joqgħodu jew jispiċċaw jifhmu fejn qiegħda l-lokalita minħabba entitajiet kummercjali. Aħna m’aħniex sodisfatti b’dan l-istatus quo.

Irridu nkunu innovattivi fil-ħsieb. Nemmnu li hemm ħafna x’jista’ jsir biex insaħħu l-identità tal-Iklin u se naħdmu bis-sħiħ biex dan iseħħ fil-prattika. Il-mira tagħna hi li kull resident iħossu kburi li jifforma parti minn din il-lokalita. Diġà bdejna nistaqsu: x’se jagħmel mill-Iklin żona unika u speċjali, differenti minn Ħal Lija, Ħal Balzan, in-Naxxar, Birkirkara? Kunsill b’viżjoni jistaqsi dawn it-tip ta’ mistoqsijiet filwaqt li jaħseb mhux biss fil-bżonnijiet prattiċi u amministrattivi ta’ kuljum iżda anki f’għada.

L-identità tal-Iklin se tinbena b’konsultazzjoni mar-residenti. Se niddeċiedu flimkien.  Wara konsultazzjoni mal-poplu se nagħżlu tema li permezz tagħha l-lokalita tagħna se tingħata direzzjoni għas-snin li ġejjin.  Il-pjan tagħna hu li l-identita tissaħħaħ b’mod konkret fuq meddha ta’ ħames/għaxar snin.

Dawn huma xi wħud mit-temi li qed nikkunsidraw biex insaħħu l-identità tal-lokalita, filwaqt li jitħalla spazju għal proposti ġodda bħala parti mill-proċess konsultattiv:

L-Iklin bħala lokalita tal-arti, l-kreattivita’ u l-innovazzjoni artistika

– Nistabilixxu direzzjoni strategika li permezz tagħha spazji u pjazez vojta jiġu ttrasformati fi spazji artistiċi anki permezz ta’ arti ġejja mir-residenti stess.

– Noħolqu żoni fejn it-tfal u ż-żgħażagħ u l-familji tagħna jimmarkaw ir-raħal permezz ta’ biċċa arti pubblika magħmula minnhom b’mod kreattiv.

– Sinerġija mal-kulleġġ tal-MCAST biex studenti jwettqu proġetti artistiċi u simboli ikoniċi pubbliċi fl-Iklin.

L-Iklin bħala lokalita tal-fjuri u s-siġar

– Naħdmu biex bħala lokalita ningħataw sussidji fuq ix-xiri ta’ qsari u pjanti.

– Nibnu fuq it-tajjeb li diġà nbeda, titkompla u tikber il-‘Festa Fjuri’.

– Titqassam informazzjoni edukattiva fuq il-pjanta tal-klin (Rosemary) kif ukoll dwar pjanti oħrajn li jinstabu fil-madwar.

– Noħolqu rotot jew passaġġi organizzati u informattivi qalb il-kampanja.

– Spazji ekoloġiċi miftuħa qalb l-għelieqi bis-siġar u b’aċċess għall-pubbliku.

– Innutajna wkoll li hemm żoni fl-Iklin fejn ma hemmx bankini sikuri biżżejjed biex jgħaqqdu iż-żoni residenzjali ma dawk rurali.

– Proġett tal-Belvedere. Lura fl-1996 il-gvern ċentrali kien alloka s-somma ta’ Lm3,000 (Eur6,988)  permezz ta’ fondi speċjali biex isir studju dwar f’liema parti ta’ fuq tal-Iklin jista’ jsir Belvedere, li tfisser żona fejn tista’ tara dehra panoramika tal-Iklin u l-irħula tal-madwar. Jekk ningħataw il-fiduċja naraw x’sar minn dawn il-fondi u jekk għadhom disponibbli jintużaw għall-iskop originali tagħhom.

L-Iklin bħala lokalita li kapaċi toffri trattament speċjali lill-annimali

– Jiġu installati għarajjex tal-injam għall-annimali bla dar.

– Kampanja dwar l-iċċippjar tal-annimali.

– Kampanja dwar il-ħarsien tal-annimali b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet rispettivi.

– Sistema lokali organizzata b’kollaborazzjoni mal-animal welfare department biex tieħu ħsieb annimali li jweġġhu jew jintlaqtu minn xi karozza fl-Iklin.

Eko-Iklin

– Jingħataw boroż b’xejn għar-riċiklaġġ.

– Intejbu l-effiċjenza tal-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart fejn irridu naraw li s-sistema taqdi lill-familji aħjar, filwaqt li nżidu l-kampanji edukattivi f’dan il-qasam.

– Nassiguraw li l-iskips tar-riċiklaġġ fil-bypass jiġu żvojtati iktar regolarment u mhux jitħallew jimtlew u jfuru bil-materjal fuq barra. Nikkunsidraw ukoll li dawn jitqiegħdu f’lok iktar adekwat u mhux mal-faċċata tal-lokalita.

– B’sinerġija mal-Waste Serv nintroduċu bil-mod sistemi avvanzati tar-riċiklaġġ mit-tieni għat-tielet kategorija, u maż-żmien għall-ħames kategorija. (S’issa għandna il-borża s-sewda u l-griża biss – żewg kategoriji).

– Sistemi ta’ illuminazzjoni li jikkonsmaw inqas enerġija f’postijiet pubbliċi.

L-Iklin bħala lokalita li tagħti importanza/prijorita ikbar lis-saħħa tar-residenti

– Nesploraw il-possibilita’ li nħajjru investituri jiftħu ‘gym jew fitness centre’ ġewwa l-Iklin biex ir-residenti jinqdew aħjar mingħajr il-bżonn li jivjaġġaw b’karozza biex jieħdu ħsieb saħħithom.

– Nesploraw il-possibilita’ li jkollna walking track rurali simili bħal dik tal-Mellieħa apparti rotot fil-kampanja ta’ madwarna.

Sinerġija ma’ Kunsilli Lokali

– Biex nirnexxu l-lokalita tagħna ma tistax topera f’iżolament minn mal-irħula tal-madwar.

– Nikkommettu ruħna li naħdmu b’sinerġija ma’ kunsilli oħra ta’ rieda tajba, ikun xi jkun il-kulur politiku tal-maġġoranza tagħhom.

– Fejn ir-riżorsi jistgħu jintużaw aħjar biex ngħaqqdu flimkien l-irħula, b’mod speċjali fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-massa, aħna lesti li nikkollaboraw u nagħtu s-sehem tagħna.

Radju Diġitali ta’ L-Iklin

– Nesploraw il-possibilità li jibda jiġi trażmess stazzjon tar-radju lokali li jkollu preżenza qawwija u sinkronizzata fuq Facebook. Fejn dak li jkun jara kif ukoll jisma’.

– F’dan l-istazzjon nixtiequ li jkun hemm involviment sħiħ ta’ żgħażagħ mill-lokal kif ukoll minn irħula oħra biex noħolqu s-sinerġija li hemm bżonn mal-komunità iktar wiesgħa ta’ pajjiżna.

Servizzi Bankarji

– Niddiskutu ma’ banek differenti dwar il-possibilità li nintroduċu iktar ATM’s ġodda fiż-żona tal-Iklin.

Park għall-Annimali

– Jidher ċar li l-ammont ta’ residenti li għandhom xi annimali fl-Iklin huwa wieħed konsiderevoli.

– Nesploraw il-possibilita li jsir park għall-klieb bħal dak ta’ Ta’ Qali.

– Permezz ta’ park bħal dan, b’mod indirett ikun hemm titjib fis-sitwazzjoni tal-iskart kif ukoll nedukaw dwar l-infurzar tal-liġijiet.

– Nikkommettu li nintroduċu kampanja ta’ edukazzjoni ċivika diġitali dwar il-ħmieg fit-toroq tagħna.

– F’każ li l-edukazzjoni ċivika ma tkunx biżżejjed nikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ CCTV f’żoni fejn l-abbuż ikun konsistenti u persistenti.

– Jiġu installati għarajjex tal-injam għall-annimali bla dar kif wkoll funtani tax-xorb għall-annimali. Din se tkun kruċjali b’mod speċjali fis-sajf.

– Kampanja dwar il-ħarsien tal-annimali b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet rispettivi.

– Sistema lokali organizzata b’kollaborazzjoni mal-animal welfare department biex tieħu ħsieb annimali li jkunu weġġhu jew li ntlaqtu minn xi karozza fl-Iklin.

Bidla fil-Perspettiva’

– Irridu nibdew naħsbu b’mod differenti.

– Il-mentalita’ tal-kunsill attwali taħseb ‘minn ġewwa ‘l barra u ma tagħtix wisq kaz l-immaġni ta’ l-Iklin kif tidher ‘minn barra’ skont il-perspettiva ta’ min mhuwiex resident ta’ l-Iklin.

– Jinħass b’mod car li l-amministrazzjoni attwali hija nieqsa minn dawk li fl-immanigjar jissejħu ‘marketing and branding skills’.

– Aħna nemmnu li rridu nħarsu lejn l-Iklin ‘minn barra għal ġewwa’ wkoll, skont kif qed tidher il-lokalita f’għajnejn dawk li jgħaddu minn madwar l-Iklin.

– Il-faċċati tal-Ikin b’mod generali għandhom bżonn dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘rethinking’. Dan huwa kruċjali b’mod speċjali biex insaħħu l-identità tar-raħal tagħna.

– Bħalissa waħda mill-faċċati traffikużi hija ppreżentata lill-pubbliku li jgħaddi b’mod li huwa tal-misthija.

– Inwiegħdu li jekk ningħataw il-fiduċja, il-faċċati prinċipali tal-Iklin se jingħataw it-trasformazzjoni li tixirqilhom. Trasformazzjoni b’gost, b’sens, b’attenzjoni għad-dettall.

– L-Iklin jixraqlu aħjar, ħafna aħjar mill-istatus quo attwali.

Anzjanita’ Attiva

– L-istatistika qed tindika li l-popolazzjoni tal-Iklin qed tkun magħmula minn iktar residenti anzjani.

– Jekk ningħataw il-fiduċja ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani se jkun il-proġett prijorità tagħna.

– Nibdew nesploraw ukoll il-possibilità ta’ ċentru għal matul il-lejl.

– Involviment bla precedent ta’ persuni rtirati fil-ħidma tal-kunsill.

– Inġanntu l-esperjenza ta’ persuni rtirati flimkien mal-entużjażmu u l-ħidma taż-żgħażagħ fil-kunsill.

– Premju Anzjan tas-Sena għal ċittadinanza attiva.

– Premju għall-aktar persuna anzjana fl-Iklin.

– Korsijiet għall-anzjani dwar l-użu tal-komputer u programmi bħal facebook/skype (għal dawk li għadhom mhux qed jużawhom).

– Sinerġija mal-privat biex jiġu pprovduti l-aħjar servizzi possibbli għall-anzjani fl-Iklin.

– Jiżdied l-ammont ta’ attivitajiet, taħditiet u sessjonijiet tal-eżerċizzju għall-anzjani.

– Ikollna kunsilliera speċifikament iddedikata u iffukata fuq il-bżonnijiet tal-anzjani fil-lokalita tagħna.

Sinerġija mal-Għaqdiet

– Insaħħu l-appoġġ u r-relazzjoni tal-Kunsill Lokali mal-għaqdiet tal-lokal.

– Flimkien norganizzaw attivatijiet soċjali, edukattivi, sportivi u kulturali mmirati lejn il-familja kollha.

– Se naħdmu id f’id mal-parroċċa, maż-Żak, man-nursery tal-futbol Lija/Iklin, mal-iscouts, mal-mużew ta’ Ħal Balzan u ċ-Ċentru tad-Duttrina tal-Parroċċa.

– Dawn l-għaqdiet huma ferm għal qalbna, għax qed jagħtu servizz importanti lill-lokalita permezz tal-ħidma mat-tfal u ż-żgħażagħ.

– Bi ħsiebna wkoll nesploraw il-possibilita ta’ għaqda volontarja ġdida li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-anzjani tal-lokalita.

– Il-Kunsill għandu jgħin skont il-parametri li tagħtih il-liġi, imma anki hawn jista’ jagħti l-każ li fil-passat ma ġewx sfruttati biżżejjed il-possibilitajiet li hemm ta’ aċċess għall-fondi mill-Ewropa.

– Flimkien mal-għaqdiet rispettivi aħna bi ħsiebna nwettqu ħidma bla preċedent biex nibbenefikaw minn kull possibilita ta’ fondi Ewropej.

Kunsill Komunikattiv, Konsultattiv

– Nikkommettu li nistabilixxu sistemi ta’ konsultazzjoni kontinwa onlajn – mill-kumdità tad-dar.

– Fil-websajt il-ġdida ikun hemm taqsima għar-rispons tan-nies u nweġbuhom fi żmien 24 siegħa; kif ukoll stħarriġ tal-opinjoni pubblika permezz ta’ ‘facebook’.

– Intervisti diġitali regolari mal-kunsilliera u r-residenti dwar il-ħidma tal-kunsill (bla użu ta’ karti u biex nieħdu ħsieb l-ambjent).

– B’determinazzjoni nesploraw il-possibbiltà li nintroduċu sistema ta’ demokrazija diretta li tfisser sistema ta’ votazzjoni onlajn fejn ir-residenti jkunu jistgħu jivvutaw fuq kwistjonijiet u temi partikolari mill-kumdità tad-dar.

– Permezz ta’ din is-sistema il-konsultazzjoni mar-residenti ma ssirx biss darba kull ħames snin iżda matul l-legiżlatura kollha kemm hi.

– Il-kunsill attwali għadu ferm lura fil-metodi ta’ komunikazzjoni u konsultazzjoni diġitali. Nistednukom taraw is-sit www.iklin.lc.gov.mt biex tifhmu aħjar.

Karozzi ta’ l-Elettriku

– Se naħdmu biex ninċentivaw l’uzu ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku jew bil-gas (LPG) biex nassiguraw li ma titħammigx l-arja kif wkoll li jonqos l-istorbju ikkaġunat mit-traffiku.

– L-għan tagħna huwa li l-Iklin ikollu l-ikbar ammont ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku f’Malta pro rata mal-ammont ta’ residenti fil-lokal.

– Dan bi ħsiebna nagħmluħ permezz ta’ fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea kif wkoll b’sinerġija ma’ Transport Malta.

– Nippromovu l-inċentivi tal-gvern dwar vetturi ambjentali mar-residenti tal-Iklin.

– Nikkunsidraw il-possibilità li bħala kunsill nissussidjaw lir-residenti li jagħmlu għażla favur dan it-tip ta’ vetturi żgħar u ekoloġiċi.

– Se tkun prijorità tagħna li nżidu ż-żoni pedonali b’mod speċjali fil-qalba tar-raħal biex noħolqu dawk li jissejħu ‘low emission zones’ fil-lokalità.

– Ninnegozjaw ma’ Transport Malta biex ikun ristrett id-dħul tal-vetturi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali u niftħu l-aċċess għal vetturi li huma silenzjużi u ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tar-residenti.

– Nesploraw il-possibbiltà li nagħtu tip ta’ VIP pass lill-karozzi li ma jħammġux l-arja u li huma silenzjużi, biex ninċentivawhom jgħaddu minn ġewwa il-lokalita tagħna.

– Karozzi li jkollhom magni Euro V, Euro VI, ukoll jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi.

Infurzar fuq Sewqan Eċċessiv ġo Żona Residenzjali

– Se nibdew battalja bla rażan kontra dawk il-vetturi li jgħaddu minn ġewwa l-Iklin bi speed eċċessiv.

– M’aħniex biħsiebna nikkompromettu mas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti.

– Dan biħsiebna nwettquh permezz ta’ speed cameras kif ukoll speed wardens fil-lokal biex niggarantixxu s-sigurtà.

– Il-ħsieb tagħna huwa ffukat fuq il-prevenzjoni tal-inċidenti u mhux fuq il-kura jew soluzzjonijiet meta jkun tard wisq bħal ma jiġri spiss f’pajjiżna wara xi traġedja.

– Il-messaġġ tagħna huwa dan: jekk se tgħaddi minn l-Iklin suq bil-mod, tgħamilx storbju u tħammiġx l-arja li nieħdu n-nifs minnha.

Proġett E-Bikes

– Nesploraw il-possibbiltà tal-użu ta’ dawn ir-roti ambjentali flmkien ma’ infrastruttura biex l-istudenti u r-residenti tal-Iklin ikunu jistgħu jżuru l-Università jew żoni fil-viċin permezz ta’ dawn il-mezzi ta’ trasport.

– Isir nfurzar u tibdil fil-liġi dwar roti motorizzati li jaħdmu bi fuel konvenzjonali (mhux regolarizzati) li jagħmlu ħafna storbju u huma ta’ inkonvenjent għar-residenti.

– Tajjeb wieħed josserva li r-roti (mhux regolarizzati) jħammġu l-arja b’mod eċċessiv. Apparti dan il-fatt, mhumiex mgħammra bi kwalitajiet bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà fl-interess tas-sewwieq stess.

– B’hekk nemmnu li l-proġett ‘e-bikes/pedelecs’ huwa s-soluzzjoni.

– Iktar informazzjoni dwar dawn it-tip ta’ roti ‘e-bikes/pedelecs’ tinstab fuq is-siti elettroniċi: http://en.wikipedia.org/wiki/Pedelec

jew http://en.wikipedia.org/wiki/Electric_bicycle

Pjazza Ninu Cremona

– Aħna m’aħniex favur l-iżvilupp tal-binja tal-kunsill f’wieħed mill-ftit spazji kbar miftuħa li għandna l-lussu li ngawdu fil-qalba tal-lokalita.

– Il-proġett propost mill-amministrazzjoni attwali se jkompli jissofoka l-lokalita’ bil-bini minflok jipproteġi l-ispazji miftuħa.

– Fil-pjan tagħna dak l-ispazju se jkun il-post li jimmarka l-identità l-ġdida tal-Iklin.

– Il-pjan taghna huwa li jkun hemm tkabbir taż-żoni pedonali mingħajr traffiku jew bi traffiku ristrett għar-residenti, iċ-ċentru pastorali u l-ħwienet fil-pjazza.

– Se naħdmu biex pjazza Ninu Cremona issir l-ewwel ‘low emission zone’ tal-lokalita.

– Se naħdmu fuq viżjoni ħolistika għall-pjazza, permezz ta’ proġett fit-tul li jantiċipa l-bżonnijiet tal-lokalità għas-snin li ġejjin.

– Il-pjan il-ġdid se jinkludi wkoll r-renovazzjoni tal-parti t’isfel li tmiss mal-bypass.

Għalqa fi Triq San Mikiel

– Il-pjan tagħna huwa li dan il-proġett isir darba u jsir sew u fiħ jantiċipa l-bżonnijiet tal-lokalita għas-snin li ġejjin.

– Il-fatti huma li l-kunsill taħt it-tmexxija tas-Sindku attwali ma kellux il-kapaċità jwettaq dan il-proġett f’perjodu ta’ 19-il sena.

– Minħabba dan il-fatt għaddew u kibru ġenerazzjonijiet ta’ tfal u żgħazagħ minn l-Iklin mingħajr post fejn jipprattikaw l-isport.

– Nemmnu bis-sħiħ li 19 il-sena ċans huma biżżejjed u żżejjed.

– Tajjeb wieħed ifakkar li tul ħmistax minn dawn id-dsatax il-sena, il-maġġoranza eżekuttiva fil-kunsill kienet l-istess bħal dik tal-gvern ta’ dak iż-żmien u l-proġett xorta baqa ma twettaqx. 

– Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li 20 sena ilu (lura fl-1996), jiġifieri lejn l-aħħar tal-legiżlatura ta’ l-ewwel kunsill taħt it-tmexxija ta’ l-ewwel Sindlku indipendenti is-sur Joseph Buttiġieġ, il-lokalita tagħna kienet ġabet fondi speċjali speċifikament marbutin ma dan il-proġett. Tul is-snin ta’ wara dawn il-fondi spiċċaw intużaw biss biex issir l-applikazzjoni l-Mepa u jitħallsu l-periti.

– Nistgħu ngħidu wkoll li l-permess tal-MEPA attwali ta’ tliet sulari parking u multi-purpose pitch dalwaqt se jasal biex jiskadi. Dan ifisser li l-flus li ntefqu jintilfu jekk dan ma jiġġedidx.

– Jekk ningħataw il-fiduċja permezz ta’ maġġoranza eżekuttiva nassiguraw li jerġa jiġġeded il-permess biex ma jintilfux flus u ssir konsultazzjoni mar-residenti taż-żona wkoll.

– Importanti wkoll li nispjegaw li l-konsultazzjoni mar-residenti taż-żona kienet, għada u se tibqa miftuħa u li tkun xi tkun id-deċiżjoni se jkunu kkonsultati fil-proċess bis-serjeta.

– Nwiegħdu li b’mod immedjat tiġi tranġata ż-żona biex jinqata’ t-trab u jitnaddaf l-ħmieġ li hemm kif ukoll biex in-numru ta’ parkeġġi disponibbli jiżdied permezz ta’ mmaniġjar tal-ispazju organizzat u iktar effiċjenti.

Kunsill Innovativ u Zgħażugħ

– Nixtiequ naraw kunsill li apparti li jieħu ħsieb il-bżonnijiet prattiċi u bażiċi bħal bozoz, bankini, linji tat-traffiku eċċ. ikun ukoll kunsill li jippermetti l-iżvilupp ta’ ideat innovattivi.

– Biex nkunu lokalita ta’ suċċess ma nistgħux nieqfu fil-livell ta’ ħidma bażika biss.

Nistaqsu. Il-kunsill attwali jippermetti spazju komdu għall-involviment tar-residenti?

– Spazju għal ideat innovattivi, għall-kreattività?

– Aħna nemmnu li t-tmexxija tal-kunsill attwali għad baqala ħafna x’taqdef f’dan l-aspett.

– Iż-żgħazagħ b’mod speċjali iridu jkunu fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma bħala ħassieba kreattivi tal-kunsill.

– Nesploraw il possibilita li jsir ‘Festival Mużikali Sajfi’ fl-Iklin, flimkien ma’ kunsilli lokali oħra u bis-sehem ta’ gruppi u kantanti lokali magħrufa.

– Irridu nibdew naħsbu f’xi attivita’ lokalizzata iżda li fl-istess ħin tħeġġeġ lin-nies biexjiġu jżuruna u ‘jesperjenzaw l-Iklin’.

Skambji ta’ żgħażagħ. Naħdmu sabiex noffru inizjativi mmirati lejn iż-żgħażagħ tal-lokal billi noffrulhom l-opportunitża li jipparteċipaw fi programmi tal-Unjoni Ewropea.

– Opportunitajiet lil hinn minn xtutna. B’dawn il-programmi, iż-żgħażagħ tal-lokal ikollhom iċ-ċans jitgħallmu dwar kulturi oħra Ewropej.

– Nibdew ‘focus group’ uffiċjali tal-kunsill biex titwettaq hidma żgħażugħa u innovattiva. Eżempju ta’ dan beda mill-kunsill lokali San Ġwann.

Diskriminazzjoni Politika

– Il-prijoritajiet iridu jkunu f’posthom, l-ewwel inti resident tal-Iklin, imbagħad wara tiġi l-fehma politika.

– Bħala parti mill-moviment, aħna nwegħdu li ma niddiskriminawx bejn kuluri politiċi.

– Il-fatt li inti resident tal-Iklin fih innifsu huwa biżżejjed biex jintitolak għad-drittijiet u s-servizzi tal-kunsill. Din se tkun il-filosofija tagħna.

– Iż-żminijiet jinbidlu, il-kompetenzi meħtieġa jinbidlu, iċ-ċirkostanzi jinbidlu, l-mexxejja wkoll importanti li jinbidlu.

– Ninkoraġġixxu n-nies biex ma jibżgħux mill-bidla.

– Nemmnu li l-poplu Malti iktar minn qatt qabel sar kapaċi jagħraf u jivvota skont analiżi taċ-ċirkustanzi u s-sinjali taż-żminijiet.

– Dan jawgura tajjeb għall-futur u għat-tisħiħ tad-demokrazija f’Malta

Kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta

– Nidħlu fi sħubija mal-Università biex noffru lill-Iklin bħala mudell għall-istudji ta’ diversi dixxiplini u mudelli ambjentali innovattivi.

– Dan il-filmat huwa eżempju ta’ kumpanija ‘startup’ li bl-istess mod kif kapaċi jagħmlu l-Universitajiet, irnexxiela tiżviluppa teknoloġija ambjentali li fil-futur qarib tista tkun ta’ suċċess.

Saħħa

– Il-Kunsill Lokali jrid iniedi kampanja mmirata lejn ir-residenti kollha tal-lokalità, hi x’inhi l-età tagħhom, bl-għan li iktar residenti jibdew jipprattikaw xi eżerċizzju jew jieħdu sehem f’xi attività sportiva, sew jekk fil-beraħ kif ukoll fuq ġewwa.

– Din il-ħidma se titwettaq b’sinerġija mad-dipartiment tal-promozzjoni tas-saħħa.

– Norganizzaw klassijiet biex wieħed jiġi megħjun jaqta’ l-vizzju tas-sigaretti, bħala ħidma diretta kontra l-marda qerrieda tal-kanċer li tiġi b’konsegwenza tat-tipjip.

– Ngħinu biex nipproteġu t-tfal tal-Iklin mit-tipjip passiv permezz ta’ din l-iskema.

– Wara iktar minn dsatax il-sena nistennew, naraw li jibda x-xogħol fuq il-proġett li ilu tant imwiegħed fi Triq San Mikiel, li se jkun jinkludi multi-purpose pitch u parkeġġ.

– Naħdmu sabiex nagħtu aktar importanza lill-attivitajiet sportivi u fiżiċi, li jkunu mmirati l-aktar lejn it-tfal tal-lokal sabiex nippromovu s-saħħa u stil ta’ ħajja għal saħħa aħjar minn età żgħira.

Jitnieda Studju Xjentifiku li Jikkwantifika il-Kwalità tal-Arja u l-Livell ta’ Tniġġis bil-Ħsejjes fl-Iklin

– Jekk irridu nikkonvinċu l-awtoritajiet irridu nkunu preparati u mmorru bil-fatti xjentifiċi biex nsaħħu l-argument tagħna u neżigu li jsiru l-bidliet neċessarji fl-interess tal-lokalita.

– Il-lokalità tagħna tinsab f’nofs il-gżira u fid-dell ta’ art aktar fil-għoli madwarha, jista’ jkun li ma nibbenefikawx mill-arja friska li tidħol lejn l-art minn fuq il-baħar.

– Jista’ jkun ukoll li l-arja mniġġsa, ikkawżata mill-ammont kbir ta’ traffiku li jgħaddi mill-inħawi tagħna kuljum, tibqa’ fil-lokalità tagħna u fl-inħawi baxxi l-oħra tal-madwar.

– Għalina hija inaċċettabbli s-sitwazzjoni li toħroġ mid-dar u filgħodu tibda l-ġurnata b’nifs li jista’ jwassal għall-kanċer.

– L-istess japplika għall-livelli ta’ tniġġis bil-ħsejjes li huma ta’ inkonvenjent serju u konsiderevoli b’mod speċjali f’ċerta żoni speċifiċi tal-lokalita.

Ippjanar fit-tul

– Huwa kruċjali li l-kunsill jibda jaħseb f’għada mill-llum għax żieda fil-popolazzjoni tfisser bżonn ta’ ppjanar u titjib fis-servizzi li joffru kemm il-Kunsill u kemm l-Istat.

– Jidher li l-popolazzjoni tal-Iklin tista’ tikber fis-snin li ġejjin jekk xi binjiet jinbidlu minn djar f’appartamenti, bil-konsegwenza li fl-istess plot residenzjali jkun hemm numru ferm ikbar ta’ residenti u ta’ karozzi.

– Diġa qegħdin naħsbu dwar l-isfida tal-parkeġġ b’mod ġenerali fil-lokalita permezz ta’ pjanijiet għal żoni pubbliċi ta’ parkeġġ biex nilqgħu għall-bżonnijiet ta’ għada ‘minn qabel’ u mhux minn dakinhar li ninqabdu fi kriżi minħabba nuqqas ta’ ippjanar fit-tul.

Parkeġġi

– Nidħlu f’diskussjonijiet ma’ Transport Malta dwar idea innovattiva li permezz tagħha noħolqu dawk li jissejħu ‘size based category parking spaces’ biex fejn huwa possibbli jintrebħu spazji ġodda ta’ parkeġġ għal karozzi ta’ daqs żgħir ħafna.

– Jekk jirnexxilna, inkunu fost l-ewwel lokalitajiet li nkunu sibna soluzzjoni ġdida għall-parkeġġ f’Malta.

– Hawn qed nirreferu għal spazji ta’ parkeġġ għal karozzi tat-tip smart li jieħdu nofs spazju ta’ karozza normali.

– B’hekk ikunu jistgħu jidħlu żewġ karozzi ta’ dan it-tip f’kaxxa normali jew kaxxi bojod li jkunu magħmulin apposta għal dan it-tip ta’ karozzi.

Kampanja diġitali edukattiva dwar il-liġijiet tat-traffiku u sistemi ta’ parkeġġ b’rispett lejn il-komunità iktar wiesgħa. – Infurzar iktar konsistenti fiż-żoni fejn hemm ‘timed parking’ kif ukoll żieda f’dawn it-tip ta’ żoni kull fejn dan huwa possibbli fl-interess tar-residenti.

– Jiġi organizzat aħjar il-parkeġġ fl-Iklin b’mod ġenerali biex titjieb l-effiċjenza fl-ispazju kif ukoll l-ordni estetiku b’mod ġenerali.

– Isir studju biex nintroduċu l-kunċett ta’ ‘guest tags’ fejn hemm żoni ta’ parkeġġ bil-ħin għal min ikollu persuni jiġu minnu jżuruh regolarment.

Tarmak li jevita l-inċidenti

– Jiġi introdott tip ta’ tarmak li jevita l-iskiddjar f’dawk il-partijiet fejn it-tarmak jiżloq iktar min-normal, biex nevitaw l-inċidenti.

Eżempju wieħed huwa l-kisra li hemm inti u tiela’ lejn San Ġwann, eżattament wara li ddur mar-roundabout kif muri f’dan ir-ritratt.

Trasport Pubbliku

– Niddiskutu l-possibilità li jiżdiedu r-rotot li jgħaddu mill-Iklin biex inkabbru l-konnettività.

– Nindirizzaw il-problema tal-istages mikxufin għall-elementi inkluż ix-xemx, xita u b’mod speċjali d-dħaħen tal-karozzi stess li jagħmlu tant ħsara lil min ikun qed jistenna.

– Naħdmu biex niffaċilitaw it-trasport pubbliku lejn u mill-Università.

– Naħdmu għal ħinijiet aktar regolari u servizz li tista’ torbot fuqu.

– Niddiskutu l-possibilità li tiġi introdotta sistema ta’ GPS jew data tracking tal-pożizzjoni fejn tkun qiegħda l-karozza tal-linja li jmiss u l-ħin, imqar bejn wieħed u ieħor, tal-wasla.

L-Iklin bħala Lokalita b’Ruħ Soċjali

– Waħda mill-kwalitajiet pożittivi tal-lokalità tagħna hija l-fatt li hemm sens ġenerali ta’ rispett għall-privatezza tan-nies.

– Min-naħa l-oħra, hemm ir-riskju li l-aspett importanti tas-solidarjetà soċjalijingħata l-ġenb b’mod indirett.

– Iż-żjarat fid-djar għamluna konxji ta’ realtajiet fejn tista’ tingħata għajnuna mil-lat ta’ solidarjetà soċjali mill-komunità.

– Flimkien mal-paroċċa, għaqdiet filantropiċi u istituzzjonijiet governattivi dan l-aspett tal-ħajja komunitarja se jingħata prijorita.

– Nappoġġjaw riċerka speċifika dwar il-lokalità tagħna, bħar-rapport dwar il-ħtiġijiet soċjali li qed isir mill-parroċċa.

Persuni bi Bżonnijiet Speċjali

– Nipparteċipaw bis-sħiħ f’inizjattivi u proġetti tal-gvern.

– Inkomplu ntejbu l-aċċessibilità fil-lokalità.

– Nieħdu sehem u nippromovu kampanji edukattivi.

– Nassiguraw li l-binja l-ġdida tal-kunsill tkun mudell ta’ inklużjoni.

– Nassiguraw li l-proġetti tal-kunsill ikunu mudell ta’ inklużjoni.

Proġett ‘L-Istorja tal-Iklin’

– Avolja l-lokalità tagħna hija żagħżugħa fl-istorja, diġà nemmnu li hemm elementi storiċi li ta’ min ikun jaf bihom biex jinżammu u jibqgħu jissemmew.

– Jinbeda proċess ta’ kollezzjoni ta’ tagħrif biex eventwalment nippubblikaw ktejjeb fuq l-istorja tal-Iklin.

– Ktejjeb li jiġbor fih madwar ħamsin sena ta’ storja tal-Iklin.

– Proġett li jkompli jsaħħaħ il-ħidma li kien beda Josef Mario Briffa minn l-Iklin li llum l-ġurnata huwa saċerdot Giżwita.

Ġemellaġġi u Turiżmu

– Flimkien mar-residenti nesploraw kif nistgħu noħolqu xi attrazzjonijiet turistiċi fl-Iklin inkluż ċentru għall-viżitaturi tal-Iklin.

– Ħidma bilaterali ma pajjiżi oħra ibbażat fuq MOU (Memorandum of Understanding) diġa stabbilit bejn il-Kunsilli Lokali Maltin, ir-Renju Unit u l-Italja.

– Jidba l-proċess biex nistabilixxu ġemellaġġ ma lokalita barra minn xtutna.

Kampanja ta’ Edukazzjoni Ċivika Diġitali Onlajn

B’temi bħal:

– Kwistjonijiet marbuta ma’ parkeġġ

– Rispett lejn il-ġirien

– It-tipjip f’postijiet pubbliċi

– Informazzjoni dwar l-ismijiet tat-toroq fil-lokalita

– Il-ħruġ tal-annimali f’żoni pubbliċi

– Temi oħra skont l-eżiġenzi tal-lokalita

Effiċjenza, Saħħa u Sigurtà

– Madwar xahar ilu, mara ta’ 60 sena kisret spallitha fi triq Ċensu Busuttil minħabba t-traskuraġni tal-kuntrattur. Dan mhuwiex aċċettabbli.

– Il-bankina fi triq Ċensu Busuttil tkissret u damu ma jaħdmu fuqha ġranet sħaħ, b’periklu kontinwu għar-residenti.

– Kunsill ġdid jimpenja ruħu biex iġib fondi biżżejjed biex il-kuntratturi li jintgħażlu ikunu ta’ kwalita u mhux rifless ta’kunsill li jaħdem skont l-irħas offerti u biss permezz ta’ baġit bażiku skont dak li jipprovdilu l-gvern ċentrali.

– Kunsill ġdid jimpenja ruħu li jirrevedi l-istandards tal-ftehimiet kuntrattwali għax-xogħlijiet.

Ir-reviżjoni legali tal-kuntratti preżenti tinkludi:

– Standards ta’ saħħa u sigurtà kif ukoll garanziji tal-assigurazzjoni li jkunu aktar stretti.

– Żmien iqsar li fih irid jitlesta x-xogħol u proġetti suġġetti għal multi f’każijiet ta’ dewmien.

– Tiswijiet u l-proġetti tal-kunsilli jsiru b’mod tajjeb u fil-ħin.

– Irridu nassiguraw li mmorru lil hinn mill-mentalità li niskużaw ruħna għal kull inkovenjent.

– Meta x-xogħol jieqaf temporanjament il-kuntrattur ikun marbut li xorta jitħalla aċċess organizzat u bla periklu għar-residenti.

– Garanzija mill-kuntratturi li x-xogħlijiet jitlestew b’mod irfinut, kif ukoll b’tindif wara t-tlestija.

Dwal f’postijiet pubbliċi

– Matul iż-żjarat fid-djar rajna diversi żoni residenzjali mdallmin.

– Dawn iridu jiġu indirizzati mingħajr dewmien.

– Ikun żgurat li dwal pubbliċi li mhux qed jaħdmu jissewwew malajr.

– Jitneħħew ukoll cables tal-elettriku bla użu li jkerrhu l-ambjent.

– Nużaw enerġija alternattiva u nintroduċu ‘solar lighting’ fejn dan huwa possibbli.

Sigurtà

– Jiżdied in-numru ta’ zebra crossings b’mod speċjali fiż-żoni fejn jilagħbu jew jattendu t-tfal jew il-periferiji tal-lokalita fejn it-traffiku huwa intensiv u perikoluż.

– Nikkunsidraw il-possibilita li nintroduċu ‘zebra crossing supervisors’ fil-ħinijiet tad-duttrina jew meta t-traffiku jiżdied b’ammont konsiderevoli.

– Tissaħħaħ is-sistema tas-security cameras fiż-żona.

– Terġa’ tiġi introdotta l-iskema ‘neighbourhood watch’.

– Lejn mentalita ta’ prevenzjoni minflok reazzjoni.

Kandidati

Il-Kandidati Tagħna | Our Candidates

Martin Fenech

Martin Fenech

Technician
Wilfrid Buttigieg

Wilfrid Buttigieg

Għalliem | Student tal-Liġi
Maris Azzopardi

Maris Azzopardi

Media

Radju

Videos

Kuntatt | Contact Us

70-483   MB6-703  , N10-006   70-410   1Z0-051   70-463   1z0-434   JN0-102  , 1z0-434   300-101   220-802   640-916   M70-101  , 000-017  , JK0-022  , 74-678   300-115  , 640-916   1Y0-201   70-487   70-410   c2010-652   ITILFND  , 2V0-620   70-486  , EX300   70-483   SSCP  , 700-501   200-310  , 70-486   350-001   000-106  , 400-051   OG0-091   350-050   N10-006   CRISC   400-051   70-246   ITILFND   200-125  , 400-101   300-206   C_TFIN52_66  , 1V0-601   102-400   JN0-360   MB6-703   70-411   MB5-705   70-532   350-001   70-417   MB2-704   102-400   220-801   300-115  , 70-413  , 70-246  , c2010-652   MB2-704  , HP0-S42   c2010-657   350-018   350-029   PR000041   70-533   70-463   350-050  , 300-320  ,